Skip to main content
The independent public prosecution office of the EU
Report a crime

Qafas legali

Ir-Regolament tal-UPPE u d-Direttiva PIF

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“ir-Regolament tal-UPPE”), jistabbilixxi l-bażi għall-funzjonament tal-UPPE.

Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (“id-Direttiva PIF”) tiddefinixxi liema reati jitqiesu bħala reati li jaffettwaw il-baġit tal-UE.

Dan huwa relata mal-kompetenza materjali tal-UPPE, li hija ddeterminata mill-Artikolu 22 tar-Regolament tal-UPPE. (L-Artikolu 22 tar-Regolament tal-UPPE jirreferi għal serje ta’ reati li joħorġu mid-dritt tal-UE, li jinsabu fid-Direttiva PIF.)

L-Istati Membri parteċipanti kollha huma marbuta ugwalment bid-Direttiva PIF. Id-Direttivi jħallu f’idejn kull Stat Membru liema forom u metodi juża biex jittrasponihom fil-liġi nazzjonali. Għall-UPPE, dan ifisser li ma jeżisti l-ebda kodiċi kriminali komuni tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, id-Direttiva PIF tiżgura kompetenza armonizzata fl-Istati Membri kollha tal-UPPE fir-rigward tar-reati li l-UPPE jinvestiga u jagħmel il-prosekuzzjoni tagħhom.

Fl-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tiegħu, l-UPPE jibbaża fuq ir-reati kriminali nazzjonali hekk kif jistgħu jinstabu fil-liġijiet kriminali rispettivi tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew li jkun ġie nnominat bħala responsabbli sabiex jieħu taħt idejh l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet fil-każ speċifiku f’isem l-UPPE. Bħala parti min-notifiki tagħhom skont l-Artikolu 117 tar-Regolament tal-UPPE, l-Istati Membri parteċipanti pprovdew listi bir-reati nazzjonali rilevanti tagħhom.

 

Stati Membri tal-UE li qegħdin jipparteċipaw fl-UPPE 

Bħalissa, 22 Stat Membru tal-UE jipparteċipaw fl-UPPE. Il-kunċett ta’ kooperazzjoni msaħħa (l-Artikoli 326 sa 334 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) jippermetti li numru ta’ Stati Membri jaqblu li jsegwu għan bejniethom, notevolment it-twaqqif tal-UPPE (l-Artikolu 86(1), is-subparagrafu 3 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea), anke jekk l-Istati Membri l-oħra jagħżlu li joqogħdu lura milli jipparteċipaw.

Matul in-negozjati biex jinħoloq l-UPPE, 20 Stat Membru kienu kkonfermaw ix-xewqa tagħhom li jistabbilixxuh u għalhekk saru l-Istati Membri parteċipanti meta r-Regolament tal-UPPE ġie adottat fl-2017.

Bl-eċċezzjoni tad-Danimarka, huwa possibbli li aktar Stati Membri jissieħbu fil-kooperazzjoni msaħħa għall-UPPE aktar ’il quddiem. Il-parteċipazzjoni tagħhom trid tiġi kkonfermata mill-Kummissjoni Ewropea.

Sa issa, dan seħħ ma’ żewġ Stati Membri oħra:

  • Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Awwissu 2018 li tikkonferma l-parteċipazzjoni tan-Netherlands fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew;
  • Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Awwissu 2018 li tikkonferma l-parteċipazzjoni ta’ Malta fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

 

Strumenti legali adottati mill-Kulleġġ tal-UPPE

Ir-Regolament tal-UPPE jipprevedi aktar strumenti legali li jirfinaw u jiggwidaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet intern tal-UPPE. L-aktar importanti minnhom huma:

 

Kooperazzjoni mas-sħab l-oħra tal-UPPE

Għall-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tiegħu, l-UPPE jaħdem ma’ bosta sħab mill-Unjoni Ewropea (awtoritajiet ta’ Stati Membri parteċipanti u mhux parteċipanti, istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni Ewropea) u lil hinn (awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali).

Fin-notifiki tagħhom skont l-Artikolu 117 tar-Regolament tal-UPPE, l-Istati Membri parteċipanti ħatru l-awtoritajiet rispettivi tagħhom li jinteraġixxu mal-UPPE.

Biex jiffaċilita l-kooperazzjoni, l-UPPE kkonkluda numru ta’ arranġamenti ta’ ħidma ma’ awtoritajiet kemm ta’ Stati Membri parteċipanti kif ukoll ta’ dawk mhux parteċipanti, kif ukoll ma’ sħab fil-livell tal-Unjoni Ewropea, eż. l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), Eurojust, Europol, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment.

Barra minn hekk, l-atti bażiċi għas-sħab ewlenin ġew emendati biex jindirizzaw ir-relazzjoni tagħhom mal-UPPE: ir-Regolament tal-Eurojust, ir-Regolament tal-OLAF u r-Regolament tal-Europol.

 

Protezzjoni tad-data u aċċess pubbliku għad-dokumenti

Ara l-qafas legali għall-protezzjoni tad-data fl-UPPE

L-UPPE jżomm reġistru pubbliku tad-dokumenti tal-UPPE, li jista’ jintuża biex tfittex id-dokumenti legali tal-UPPE msemmija hawn fuq u oħrajn.