Hawnhekk se ssib informazzjoni ddettaljata dwar ir-rappurtar ta’ reat lill-UPPE. Il-formola web ‘Report a Crime (Irrapporta Reat)’ hija disponibbli fil-qiegħ ta’ din il-paġna.
X’tipi ta’ reati tista’ tirrapporta lilna?
L-UPPE huwa kompetenti biex iressaq quddiem il-ġustizzja reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE. Dawn huma azzjonijiet intenzjonali, - l’hekk imsejħa ‘reati PIF’ bħal frodi, korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-miżapproprjazzjoni — li jista’ jkollhom impatt negattiv fuq il-flus tal-kontribwenti tal-UE. Dawn ir-reati PIF huma elenkati fid-Direttiva (UE) 2017/1371, kif implimentata mil-liġi nazzjonali.
L-UPPE huwa kompetenti wkoll għar-reati li jirrigwardaw il-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali - jekk il-fokus tagħha jkun li tikkommetti reat PIF.
Aħna kompetenti għal dan t’hawn fuq meta:
- ir-reati kriminali jkunu twettqu, kompletament jew parzjalment, fit-territorju ta’ Stat Membru, wieħed jew aktar, parteċipanti tal-UE;
- ir-reati kriminali jkunu twettqu minnċittadin ta’ Stat Membru parteċipanti tal-UE;
- ir-reati kriminali jkunu twettqu minn persuna li kienet soġġetta għar-Regolament tal-Persunal jew għall-Kondizzjonijiet tal-Impjieg tal-persunal tal-UE.
X’MA TISTAX tirrapporta lilna?
L-UPPE mhuwiex kompetenti għal reati li ma jaffettwawx l-interessi finanzjarji tal-UE. Inti mistieden/mistiedna tirrapporta tali reati għand l-awtorità nazzjonali kompetenti.
Min jista’ jirrapporta reat lilna?
Kulħadd (ċittadini tal-UE u dawk li mhumiex, individwi privati jew entitajiet legali) jista’ jirrapporta reat lill-UPPE, dment li jkun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jissuspetta li twettaq reat kriminali li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE.
Meta għandi nirrapporta reat lill-UPPE?
Hekk kif ikollok raġunijiet raġonevoli biex tissuspetta li twettaq reat kriminali kontra l-interessi finanzjarji tal-UE, għandek tirrapportah lill-UPPE.
M’intix meħtieġ(a) tipprovdi evidenza ta’ sostenn jekk din ma tkunx disponibbli.
Kif nista’ nirrapporta reat lill-UPPE?
Tista’ tirrapporta reat fil-kwartieri ġenerali tal-UPPE fil-Lussemburgu fi kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE, permezz tal-formola web ‘Irrapporta Reat (Report a Crime)’.
Jekk jogħġbok kun af li m’għandekx l-għażla li tissottometti r-rapport dwar ir-reat tiegħek online b’mod anonimu. Madankollu, jekk dan ikun permess mir-regoli nazzjonali, tista’ tagħmel dan direttament mal-Prosekutur Delegat Ewropew fil-pajjiż tiegħek.
Kif nirrapporta reat online?
Qabel ma tirrapporta reat lilna, għandek tikkonferma u taċċetta li l-informazzjoni u d-dokumenti pprovduti minnek se jkunu pproċessati mill-UPPE, f’konformità mat-termini tal-protezzjoni tad-data tal-UPPE.
Se tiġi ggwidat(a) permezz tal-formola web hekk kif tissottometti r-rapport dwar ir-reat. Xi kaxex huma obbligatorji sabiex tipproċedi bir-rapport; jekk jogħġbok imla l-kaxex kollha bl-aħjar mod li tista’, b’mod ċar u konċiż.
Mas-sottomissjoni tal-formola web, se tirċievi konferma tar-riċevuta, li tinkludi n-numru ta’ reġistrazzjoni tar-rapport dwar ir-reat.
Jekk jogħġbok irreferi għal dan in-numru ta’ reġistrazzjoni fi kwalunkwe komunikazzjoni potenzjali fil-futur mal-UPPE.
F’dan l-istadju tal-proċess mhux se tirċievi komunikazzjoni oħra mill-UPPE, iżda jaf tiġi kkuntattjat(a) fi stadju aktar tard.
X’jiġri wara?
Aħna se nivvalutaw jekk ir-reat irrappurtat jaqax taħt il-kompetenza tal-UPPE, u jekk l-informazzjoni sottomessa hijiex biżżejjed biex tiġġustifika li jingħata bidu għal investigazzjoni.
Jekk ir-reati kriminali marbuta mal-fatti rrappurtati jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UPPE, aħna se nagħtu bidu għal u nwettqu investigazzjoni mingħajr dewmien żejjed.
L-informazzjoni tista’ tiġi trażmessa mill-UPPE lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji oħra tal-Unjoni Ewropea u lill-awtoritajiet nazzjonali jekk l-għemil ħażin jaqa’ barra mill-kompetenza tal-UPPE, u minflok jaqa’ taħt il-kompetenza tagħhom.
Nistgħu nikkuntattjawk jekk:
- ikun meħtieġ li jintalbu kjarifiki jew informazzjoni addizzjonali;
- ir-reat jaqa’ manifestament barra mill-kompetenza tal-UPPE, u d-dokumentazzjoni li pprovdejt jeħtieġ li tintbagħat lura għandek.
Fi tmiem l-investigazzjoni, skont ir-regoli tal-Istat(i) Membru/Membri fejn tkun twettqet investigazzjoni, l-UPPE jista’ jinfurmak dwar l-eżitu.
Ir-rappurtar ta’ reat jista’ jkollu konsegwenzi serji. Rapport dwar reat li sussegwentament jiġi ppruvat li jkun intenzjonalment falz jew qarrieqi, jew ikun ġie sottomess intenzjonalment għal skop illeċitu, jista’ jwassal għal konsegwenzi legali għal min jibagħtu, inklużi iżda mhux limitati għal sanzjonijiet amministrattivi u/jew kriminali.
Kif nipproċessaw id-data personali tiegħek?
Għal spjegazzjoni dettaljata dwar xiex, kif u għalfejn nipproċessaw id-data personali tiegħek, kif ukoll liema drittijiet għandek u kif teżerċitahom, jekk jogħġbok ara l-avviż ta’ privatezza ddedikat għal din l-operazzjoni.
Madankollu, essenzjalment għandek tkun taf li qed tirrapporta reat daqslikieku kont qed tirrapporta reat lill-infurzar tal-liġi lokali. Dan ifisser li d-data personali tiegħek se tintuża għall-kompiti tal-UPPE - bħal investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet, u kooperazzjoni ma’ partijiet terzi f’dan ir-rigward - u li l-UPPE jista’ jkollu skop leġittimu biex ikompli jipproċessa d-data personali tiegħek, anke jekk sussegwentament tiddeċiedi li tirtira l-ilment tiegħek. Peress li investigazzjoni tista’ tinvolvi varjetà ta’ passi individwali, id-data personali tiegħek tista’ tiġi pproċessata minn għadd akbar ta’ partijiet minbarra l-UPPE, u tista’ tinkludi wkoll it-trasferiment tagħha lil partijiet terzi, inkluż barra mill-Unjoni.
Jekk niskopru li s-sottomissjoni tiegħek ma tkunx rilevanti għall-UPPE, nistgħu nittrasferixxuha lill-awtorità li nemmnu tkun kompetenti, jew inħassruha. Għal finijiet ta’ sigurtà, statistika u awditjar, l-UPPE jista’ jżomm log b’ismek, bin-numru ta’ referenza, bid-data tas-sottomissjoni tiegħek, u bir-rekord tal-azzjoni meħuda mill-UPPE. Dan se jinħażen għal perjodu ta’ tliet snin u r-Regolament (UE) 2018/1725 japplika għal din l-operazzjoni tal-ipproċessar.
Mur fuq il-formola web ‘Report a Crime (Irrapporta reat)’