- Għaliex nipproċessaw id-data personali tiegħek?
Il-premessa 49 tar-Regolament tal-Kunsill 2017/1939 (ir-‘Regolament tal-EPPO’) tikkjarifika li l-EPPO jista’ jirċievi jew jiġbor informazzjoni minn partijiet privati dwar reati li fir-rigward tagħhom jista’ jeżerċita l-kompetenza tiegħu.
Tista’ tissottmetti l-informazzjoni ta’ interess investigattiv possibbli permezz tal-paġna web iddedikata https://www.eppo.europa.eu/report-crime.
Mingħajr dewmien żejjed, l-EPPO se jipproċessa l-informazzjoni rrapportata sabiex jivvaluta jekk taqax fi ħdan il-kompetenza tiegħu jew barra minnha. Jekk l-informazzjoni ma taqax manifestament barra mill-kompetenza tal-EPPO, l-EPPO se jivverifika jekk il-kundizzjonijiet biex jeżerċita l-kompetenza tiegħu humiex issodisfati, b’mod partikolari dawk ipprovduti mill-Artikoli 22, 23 u 25 tar-Regolament tal-Kunsill 2017/1939 (ir-‘Regolament tal-EPPO’).
Jekk dan ikun il-każ, jingħata bidu għal każ investigattiv u d-data li tipprovdi tiġi pproċessata għall-finijiet tat-twettiq ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni, u / jew kooperazzjoni ma’ awtoritajiet kompetenti oħrajn.
- X’inhu l-qafas legali applikabbli?
Il-bażi legali għal din l-operazzjoni ta’ pproċessar hija r-Regolament tal-Kunsill 2017/1939 (ir-‘Regolament tal-EPPO’). L-EPPO jipproċessa d-data personali ‘operazzjonali’ li pprovdejt f’konformità mal-Kapitolu VIII tar-Regolament tal-EPPO, għat-twettiq tal-kompiti tiegħu.
- Liema data personali niġbru?
Għall-proċess tas-sottomissjoni tal-formola web, l-EPPO jiġbor biss id-data personali li inti tipprovdi b’mod volontarju fil-formola.
Inti mistieden/mistiedna timla l-formola web bl-informazzjoni li tista’ tgħin lill-EPPO jivvaluta l-kompetenza tiegħu biex jagħti bidu għal investigazzjoni. Din tinkludi d-data personali (bħall-isem, in-numru tad-dokument u d-dettalji ta’ kuntatt) kif ukoll data ta’ suġġetti oħra tad-data involuti fir-reat rapportat.
- Kif nipproteġu d-data personali tiegħek?
Sabiex nipproteġu d-data personali tiegħek, ġew stabbiliti għadd ta’ miżuri tekniċi u organizzazzjonali. Il-miżuri tekniċi jinkludu azzjonijiet xierqa sabiex jiġu indirizzati s-sigurtà online, ir-riskju ta’ ksur tad-data, ta’ tibdil fid-data, jew ta’ aċċess mhux awtorizzat, u jqisu r-riskju ppreżentat mill-ipproċessar u n-natura tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata.
Il-miżuri organizzattivi jinkludu aċċess li jirrestrinġi d-data għal persuni awtorizzati bi ħtieġa ta’ tagħrif leġittima għall-finijiet ta’ din l-operazzjoni tal-ipproċessar.
- Min għandu aċċess għal din id-data?
Huma biss il-membri tal-persunal tal-EPPO li ġew awtorizzati b’mod speċifiku biex jivvalutaw jekk l-informazzjoni sottomessa taqax fil-kompetenza tal-EPPO li jkollhom aċċess għad-data personali tiegħek f’dak l-istadju.
Barra minn hekk, f’konformità mar-Regolament tal-EPPO, l-informazzjoni li tissottometti tista’ tintuża għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni jew il-kooperazzjoni ma’ partijiet terzi, matul it-twettiq mill-EPPO tal-kompiti tiegħu. Dan jinkludi t-trasferiment possibbli tad-data tiegħek lill-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri jew lil istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-UE, jekk dawk il-fatti jaqaw fi ħdan il-kompetenza rispettiva tagħhom. Pereżempju, l-EPPO jista’ jittrasferixxi lil awtorità kompetenti ta’ Stat Membru informazzjoni relatata ma’ reat kriminali li ma jaffettwax l-interessi finanzjarji tal-UE (l-Artikolu 24(8) tar-Regolament tal-EPPO). Madankollu, dan jista’ jinkludi wkoll it-trasferimenti lill-awtoritajiet jew lill-partijiet barra mill-Unjoni, skont is-salvagwardji u kif deskritt fir-Regolament tal-EPPO.
Fl-aħħar nett, hekk kif l-EPPO jwettaq l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tiegħu fil-qrati tal-Istati Membri, kif ukoll soġġetta għall-kodiċijiet proċedurali kriminali rispettivi, id-data tiegħek jekk issir parti minn fajl ta’ każ tista’ tiġi pproċessata wkoll fil-livell nazzjonali minn għadd ta’ awtoritajiet, kollha fil-kuntest tal-investigazzjoni u / jew il-prosekuzzjoni mill-EPPO - u huwa impossibbli li jitniżżlu kollha b’mod eżawrjenti meta wieħed jikkunsidra l-għadd kbir ta’ xenarji differenti - bħal kif id-data personali tiegħek tista’ tiġi pproċessata minn uffiċċju nazzjonali tal-prosekuzzjoni jekk tirrapporta r-reat fuq livell nazzjonali.
- Għal kemm żmien inżommu d-data tiegħek?
L-EPPO mhux se jaħżen data personali għal aktar żmien milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom tkun inġabret. Għaldaqstant, l-EPPO se jirrieżamina perjodikament il-ħtieġa għall-ħażna tad-data personali operazzjonali, skont l-Artikolu 50 tar-Regolament tal-EPPO.
Jekk il-fatti rrappurtati jaqgħu manifestament barra mill-kompetenza tiegħu, l-EPPO mhux se jkompli jaħżen id-data personali operazzjoni li tkun ipprovdejt.
Il-valutazzjoni tal-informazzjoni rrappurtata se titwettaq mingħajr dewmien żejjed. Fi kwalunkwe każ, sakemm is-sottomissjoni tiegħek ma twassalx għall-bidu ta’ investigazzjoni mill-EPPO, id-data personali tiegħek mhux se tinħażen għal aktar minn sitt xhur wara li tasal għand l-EPPO.
Jekk is-sottomissjoni tiegħek taqa’ barra mill-kompetenza tal-EPPO, għas-sigurtà tas-sistema, u għal finijiet ta’ statistika u ta’ awditjar, l-EPPO jista’ jżomm log bl-isem u bin-numru tar-reġistrazzjoni tiegħek, bid-data tas-sottomissjoni tiegħek, u bir-rekord tal-azzjoni meħuda mill-EPPO. Dan se jinħażen għal perjodu ta’ tliet snin u r-Regolament (UE) 2018/1725 japplika għal din l-operazzjoni ta’ pproċessar.
- X’inhuma d-drittijiet tiegħek u kif tista’ teżerċitahom, u mistoqsijiet oħra?
Għandek id-dritt li titlob aċċes għal, rettifika, tħassir jew restrizzjoni tal-ipproċessar tad-data personali tiegħek. Jistgħu japplikaw l-eċċezzjonijiet u r-restrizzjonijiet ibbażati fuq ir-Regolament tal-EPPO.
Kwalunkwe talba biex jiġi eżerċitat wieħed minn dawk id-drittijiet, talbiet għal għajnuna jew mistoqsijiet oħra għandha tiġi diretta lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-EPPO, bl-email (eppo-dpo@eppo.europa.eu) jew bil-posta.
Tista’ teżerċita wkoll id-drittijiet tiegħek indirettament billi tressaq ilment lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (edps@edps.europa.eu) jew bil-posta.